
Id-Direttorat għall-Finanzjament tal-Kura tas-Saħħa/l-Entitlement Unit, mill-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u l-Ministeru Għas-Saħħa, ġie premjat il-Quality Award fl-okkażjoni tal-Public Service Awards 2026. Iċ-ċerimonja, li saret fl-20 ta’ Ġunju fil-Palazz Verdala taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, tirrikonoxxi il-ħidma eċċellenti fis-Servizz Pubbliku. Dan il-premju jimmarka pass importanti għad-Direttorat, wara li fl-2023 kien kiseb il- Public Service Quality Label, u jixhed l-impenn kontinwu tiegħu biex jipprovdi servizz ta’ livell għoli lill-klijenti.
Apparti li huwa responsabbli mill-amministrazzjoni tad-drittijiet għall-kura tas-saħħa skont il-liġi nazzjonali u r-regolamenti tal-UE, l-Entitlement Unit joħroġ dokumenti importanti bħall-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (EHIC), il-formoli S1 u S2. Barra min hekk, joffri assistenza diretta lill-klijenti permezz ta’ email, telefon u fl-uffiċju. Id-Direttorat/l-Entitlement Unit jenfasizza l-aċċessibbiltà, il-puntwalità u l-preċiżjoni permess ta’ monitoraġġ kontinwu ta’ kif imur mal-klijenti u tal-proċeduri tiegħu sabiex jiġi żgurat servizz konsistenti ta’ kwalità.
Id-Direttorat huwa kburi b’dan ir-rikonoxximent, li jirrifletti livell li jista’ jitqies bħala l-“aqwa” fil-qasam tal-customer care fi ħdan is-Servizz Pubbliku. Dan ir-rikonoxximent iżid ukoll mal-kisbiet/ċertifikazzjonijiet l-oħrajn tad-Direttorat, fosthom iċ-Ċertifikazzjoni tal-ISO 27001 u l- Marka tal-Ugwaljanza mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE)li lkoll jappoġġjaw l-impenn tiegħu li jipprovdi servizz affidabbli lill-membri tal-pubbliku, filwaqt li jrawwem kultura ta’ eċċellenza.
Għal aktar informazzjoni, żur dawn il-paġni:
Infografika fuq il-paġna Facebook tas-Servizz Pubbliku: ikklikkja hawn
Montage taċ-ċerimonja: ikklikkja hawn
Artiklu ta' TVM: ikklikkja hawn
Servizz ta' TVM: ikklikkja hawn
Photos: DOI, Samuel Scicluna



