Stqarrija tal-Missjoni
Funzjonijiet
L-Entitlement Unit, fi ħdan id-Direttorat għall-Finanzjament tal-Kura tas-Saħħa, li jinstab fil-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanita’ Attiva ta’ Malta, ġie stabbilit fl-2005 bħala l-korp ta’ kollegament nazzjonali għall-benefiċċji tal-kura tas-saħħa in natura skont it-termini tar-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea dwar il-Koordinazzjoni ta’ Sistemi ta’ Sigurtà Soċjali; ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April tal-2004 dwar il-Kordinazzjoni ta’ Sistemi ta’ Sigurtà Soċjali, u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru tal-2009 li jistabbilixxi l-Proċedura għall-Implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-Koordinazzjoni tal-Iskemi ta’ Sigurtà Soċjali. Il-funzjonijiet prinċipali tad-Direttorat jinkludu l-ħruġ u r-reġistrazzjoni ta’ dokumenti ta’ intitolament, inkluża l-European Health Insurance Card (EHIC), S1 u S2, l-immaniġjar ta’ talbiet skont it-termini tar-regolamenti msemmija qabel, l-assistenza tal-klijenti permezz ta’ kuntatt dirett, servizz ġeneriku tal-posta elettronika u telefon. Għal iktar informazzjoni tista’ żżur is-sit tagħna fuq ehic.gov.mt.
Fl-2020 id-Direttorat għall-Finanzjament tal-Kura tas-Saħħa u l-Entitlement Unit ingħata ċ-ċertifikat tal-ISO 27001. Dan l-istandard jiffoka fuq is-sigurtà tal-informazzjoni u jassigura konformità msaħħa mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u leġiżlazzjoni oħra.
Fl-2020 ukoll, id-Direttorat għall-Finanzjament tal-Kura tas-Saħħa u l-Entitlement Unit ġie ppremjat l-Equality Mark mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza bħala turija ta’ kif dan iħaddan l-ugwaljanza bħala prinċipju ċentrali għall-operat tiegħu.
Responsabilitajiet
- L-ipproċessar tad-dokumenti tal-intitolament skont ir-Regolament (EC) 883/04 u r-Regolament (EC) 987/09, inklużi l-Karta tal-Assikurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea (EHIC), il-formola S1 u l-formola S2.
- Jassigura li ċ-ċittadini intitolati għall-kura tas-saħħa f’Malta huma intitolati għal kura fl-emerġenza waqt żjara temporanja fi Stat Membru ieħor tal-UE.
- Jassigura l-intitolament għall-kura tas-saħħa ppjanata fi Stat Membru ieħor tal-UE, skont ir-Regolament (EC) 883/04 u r-Regolament (EC) 987/09.
- Jassigura l-intitolament għall-kura tas-saħħa għall-pensjonanti minn Stati Membri tal-UE li jittrasferixxu r-residenza tagħhom lejn Malta jew ċittadini li jirċievu pensjoni ta’ Malta u jittrasferixxu r-residenza tagħhom lejn Stat Membru ieħor tal-UE.
- Jipprepara l-karti meħtieġa sabiex jiġi provdut il-kura tas-saħħa lill-ħaddiema assigurati f’Malta u dawk stazzjonati fi Stat Membru ieħor tal-UE jew ħaddiema mill-UE stazzjonati f’Malta.
- Jamministra mistoqsijiet dwar l-intitolament għall-kura tas-saħħa fi Stati Membri oħrajn tal-UE kif ukoll f’Malta.
- L-ipproċessar u l-ħruġ tal-kontijiet għall-kura tas-saħħa pprovdut minn sptarijiet pubbliċi liċ-ċittadini tal-UE/EEA skont ir-Regolament (EC) 883/04 u r-Regolament (EC) 987/09.
- Jivverfika l-kontijiet tal-ħlas għall-kura tas-saħħa (jew spejjeż għall-kura tas-saħħa f’pajjiż barrani) pprovdut minn Stati Membri oħrajn tal-UE/EEA liċ-ċittadini intitolati għall-kura tas-saħħa f’Malta.
- Jassigura li l-miri tar-rappurtar dwar kwistjonijiet nazzjonali u tal-UE jkunu milħuqa.
- Jilħaq ir-rakkomandazzjonijiet proposti mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur.