Kif tikseb Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (EHIC)
Illum il-ġurnata l-ivjaġġar raħas u sar aktar popolari minn qatt qabel. B’hekk nistgħu faċilment ninsew ir-riskji għas-saħħa tagħna li jaf ikun hemm meta nivjaġġaw. Barra minn hekk, ftit huma l-pajjiżi li joffru l-aċċess għas-servizzi tal-kura tas-saħħa b’xejn u b’mod sempliċi bħal kif insibu f’Malta.
Hawnhekk issib l-informazzjoni dwar l-EHIC, dokument li jintitola liċ-ċittadini Maltin għall-kura tas-saħħa, f’każ ta’ emerġenza, b’xejn jew b’rata mnaqqsa f’ħafna pajjiżi Ewropej oħrajn u fiż-Żona Ekonomika Ewropea (EEA). Għal min beħsiebu jivjaġġa, issib ukoll pariri dwar l- Ippjanar, kif nibqgħu b’saħħitna u kif nistgħu naċċessaw il-kura tas-saħħa bnadi oħra.
Informazzjoni sabiex takkwista l-EHIC
Persuni li tinħarġilhom European Health Insurance Card (EHIC) ikunu intitolati għal kura tas-saħħa, f’każ ta’ emerġenza, b’xejn jew b’rata mnaqqsa waqt żjara temporanja fil-pajjiżi taż-ŻEE (EEA) u l-Isvizzera.
L-EHIC tiffaċilita l-aċċess għall-kura tas-saħħa waqt żjara temporanja fi Stat Membru ieħor kif ukoll ir-rimborż tal-ispejjeż li ntefqu għal kura li ngħatat.
Għal aktar informazzjoni, ikklikkja hawn.
Min hu eliġibbli għall-EHIC?
- Persuni li joqogħdu permanenti Malta u li għalihom tapplika l-liġi nazzjonali dwar is-Sigurtà Soċjali.
- Studenti tal-UE full-time huma intitolati għall-EHIC li tkopri għall-benefiċċji neċessarji għall-kura tas-saħħa waqt il-perjodu ta’ studju. Għal aktar informazzjoni int mitlub/a tibgħatilna email fuq [email protected] .
- Applikanti li għandhom dokument validu ta’ permess ta’ residenza ta’ Malta għandhom jipprovdu biss kopja tal-istess dokument.
EHIC għat-trabi tat-twelid
Trabi li twieldu minn Ġunju 2024 ‘il quddiem tinħarġilhom EHIC awtomatikament fl-eta ta’ tliet (3) xhur.
Biex tapplika għall-EHIC
L-EHIC tinħareġ b’xejn. Kull persuna għandha timla formola tal-applikazzjoni separata (apparti tfal ta’ sittax-il sena).
Applikanti b’Karta tal-Identità li tispiċċa b’(A) għandhom jehmżu mal-applikazzjoni:
- Kopja ta’ ittra uffiċjali mingħand min iħaddmek, fejn turi jekk il-kuntratt ta’ impjieg hux għal xi żmien definit jew għal żmien indefinit (li ma jkollux data tal-għeluq). Fil-każ ta’ kuntratt ta’ impjieg għal żmien definit, fl-ittra għandu jkun hemm il-perjodu tal-kuntratt, kif ukoll meta jintemm iż-żmien ta’ prova (jekk japplika);
- Fil-każ ta’ ċittadini dipendenti, iċ-ċertifikat tat-twelid jew iċ-ċertifikat taż-Żwieġ.
Inti tista’:
- Jekk għandek e-ID tapplika billi tikklikkja hawn.
jew - Tniżżel il-formola tal-applikazzjoni billi tikklikkja hawn, timliha u u tibgħatha fuq l-indirizz postali indikat hawn taħt.
jew - Tiġbor formola tal-applikazzjoni mill-Entitlement Unit jew minn kwalunkwe Kunsill Lokali, timliha u tirritornaha lill-Kap tal-Entitlement Unit, Pjan Terran, Eks-Outpatients Block, Sptar San Luqa, G’Mangia, PTA 1010, Malta.
Biex iġġedded l-EHIC
Il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (EHIC) sejra tkun imġedda awtomatikament xahar qabel id-data li tiskadi, dan skond id-dritt tiegħek għall-kura tas-saħħa pubblika f’Malta. L-EHIC tintbgħat bil-posta fl-indirizz residenzjali tiegħek. Fil-każ li jkollna bżonn aktar informazzjoni biex tiġġedded l-EHIC, nikkuntattjawk aħna.
Jekk l-EHIC tiegħek skadiet qabel Marzu 2023, inti ġentilment mitlub/a tapplika billi tagħżel waħda mill-għażliet hawn fuq.
Jekk ikun il-bżonn li ġġedded l-EHIC tiegħek minħabba tibdil fl-isem, tista tapplika għall-EHIC ġdida billi tagħżel waħda mill-għażliet hawn fuq u tehmeż dik l-antika mal-applikazzjoni tiegħek.
EHICs mitlufin jew misruqin
EHICs li jkunu mitlufin jew misruqin jiġu sostitwiti biss meta wieħed jagħmel applikazzjoni ġdida għal EHIC flimkien m’affidavit jew rapport mill-pulizija.
L-obbligi ta’ min japplika
L-applikanti għandhom ikunu ċerti illi l-informazzjoni kollha li jagħtu tkun korretta u li jingħataw id-dokumenti meħtieġa kollha. Applikazzjonijiet li ma jkunux mimlijin sew jew mingħajr dokumenti ma jiġux ipproċessati. L-EHIC għandha tintuża biss fi sptarijiet pubbliċi f’każijiet fejn il-kura ta’ emerġenza tkun neċessarja. L-EHIC ma tkoprikx jekk tivjaġġa speċifikament sabiex tieħu l-kura tas-saħħa jew għall-parir mediku għal xi kundizzjoni/marda/korriment li kellek minn qabel. Persuni li tinħarġilhom EHIC għandhom jinfurmaw lill-Entitlement Unit f’każ ta’ tibdil fid-dettalji, speċjalment jekk persuna tittrasferixxi r-residenza tagħha fi Stat Membru ieħor tal-EU, każ ta’ mewt jew inkella xi tibdil fil-kopertura tas-Sigurtà Soċjali.
L-Entitlement Unit x’se jipprovdi?
L-Entitlement Unit joħroġ l-EHIC fi żmien ħamest (5) ijiem tax-xogħol minn mindu tasallu l-applikazzjoni.
L-EHICs jiġu ipproċessati skont meta jaslu l-applikazzjonijiet.
L-ivjaġġar lejn Stati Membri oħra taż-ŻEE (EEA)
Min jivjaġġa b’mod temporanju minn Malta lejn Stati Membri oħra taż-ŻEE
Beħsiebek tivjaġġa lejn stat membru ieħor tal-UE bħala turist/a? Jew għal żmien qasir fuq xogħol? Jew biex tistudja temporanjament? Jew inkella ser tintbagħat minn Malta sabiex tkun stazzjonat/a fi stat membru ieħor tal-UE? Jew sejjer/sejra tfittex xogħol?
Fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u l-Isvizzera hemm ftehim dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-saħħa tal-iStati Membri. Ftit huma l-pajjiżi li joffru l-aċċess dirett għas-servizzi tal-kura tas-saħħa b’xejn. B’hekk ir-regoli xorta jistgħu jvarjaw bejn is-sistemi tas-saħħa tal-iStati Membri tal-UE.
Il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa/ European Health Insurance Card (EHIC)
Il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa/ European Health Insurance Card (EHIC) hija dokument li jintitola liċ-ċittadini Maltin għal kura tas-saħħa, f’każ ta’ emerġenza, b’xejn jew b’rata mnaqqsa waqt żjara temporanja f’dawn il-pajjiżi:
L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Islanda, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Liechtenstein, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Olanda, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall , Ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Iżvezja, l-Isvizzera u r-Renju Unit (Ġibiltà inkluża).
L-EHICs ta’ kull Stat Membru jkunu l-istess u rikonoxxuti mill-pajjiżi kollha, minkejja b’liema lingwa jinħarġu. L-EHIC tiffaċilita l-aċċess għal kura tas-saħħa waqt żjara temporanja fi Stat Membru ieħor kif ukoll ir-rimborż tal-ispejjeż li ntefqu għal kura li ngħatat. L-EHIC ma jkollha ebda informazzjoni medika (eż. tip ta’demm, dettalji ta’ trattament mediku li ngħata qabel, eċċ).
Jien intitolat/a għall-EHIC?
Int intitolat/a għall-EHIC jekk toqgħod Malta u l-liġi nazzjonali dwar is-Sigurtà Soċjali tapplika għalik.
Jekk bħalissa inti tkun qed taħdem f’Malta, iżda tħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali f’pajjiż oħra taż-ŻEE/EEA, l-EHIC tinħariġlek minn dak il-pajjiż.
Nota: Jekk m’intix ċittadin taż-ŻEE, persuna mingħajr Stat jew rifuġjat/a, tista’ tuża l-EHIC fil-pajjiżi kollha hawn fuq minbarra fid-Danimarka, l-Islanda, il-Liechtenstein jew in-Norveġja.
X’inhu kopert bl-EHIC?
L-EHIC tkopri kwalunkwe trattament mediku neċessarju (waqt żjara temporanja) minħabba xi mard jew inċident. Dan jinkludi trattament ta’ ta’ emerġenza, kura għat-tqala (basta li r-raġuni taż-żjara temporanja ma tkunx sabiex twelled), kif ukoll trattament akut għall-mard kronaku jew għall-mard pre-eżistenti, liema trattament ikun neċessarju u fi sptar/ċentru tas-saħħa pubbliku/a.
Importanti li tiftiehem minn qabel mal-istituzzjoni tas-saħħa fil-pajjiż li tkun ser iżżur qabel ma titlaq minn Malta jekk ikollok bżonn:
- Id-dijalisi tal-kliewi (ikkuntatja il-Mater Dei Renal Unit fuq +356 2545 6090 għal aktar informazzjoni)
- It-terapija bl-ossiġnu (provvisti u tagħmir) mal-wasla tiegħek fil-pajjiż jew eżatt wara, speċjalment jekk beħsiebek tivvjaġġa lejn żoni ‘il bogħod.
IMPORTANTI: L-EHIC ma tkoprikx jekk tivjaġġa sabiex tieħu l-kura tas-saħħa, twelled jew għall-parir mediku.
Tista’ taċċessa kwalunkwe trattament neċessarju għar-raġunijiet ta’ saħħa fis-sistema tas-saħħa tal-pajjiż li żżur.
Bl-EHIC tkun tista’ tirċievi l-istess trattament bħar-residenti tal-pajjiż li tkun fih. Filwaqt li ċerti pajjiżi joffru trattament b’xejn, f’oħrajn il-pazjent jintalab sabiex iħallas miżata jew jagħmel ħlas parzjali. F’dawn il-pajjiżi, dawk li għandhom EHIC għandhom iħallsu wkoll l-ammont dovut b`mod proporzjonali.
Kif nuża l-EHIC?
L-EHIC dejjem għandha tinżamm f’post sigur u tinġarr miegħek, flimkien mal-passaport jew il-Karta tal-Identità. Meta tfittex it-trattament, uri dawn id-dokumenti lil min jipprovdi l-kura tas-saħħa (eż. it-tabib, id-dentist, l-isptar). Jekk ma turix l-EHIC, ikollok tħallas l-ispejjeż sħaħ bil-possibilita’ li ma jiġux rimborżati wara.
X’se jkolli nħallas?
Bl-EHIC int tirċievi trattament fuq l-istess bażi finanzjarja u l-istess kura tas-saħħa bħar-residenti tal-iStat Membru taż-ŻEE (EEA) li tkun fih. Ta’ min jinnota li kull pajjiż għandu r-regoli tiegħu. Filwaqt li ċerti pajjiżi joffru trattament b’xejn, f’oħrajn il-pazjent jintalab sabiex iħallas miżata jew jagħmel ħlas parzjali meta jingħata t-trattament u dan ma jkunx rifondibbli. Jista’ jkun ukoll li l-ispejjeż sħaħ ikollhom jitħallsu u wara tkun tista’ titlob parti mis-somma. Tista’ ssib lista tal-pajjiżi taż-ŻEE u dak li tkun intitolat/a għalih f’kull pajjiż fuq www.europa.eu.
Kif nitlob refund?
Importanti li żżomm il-kontijiet oriġinali kollha, kif ukoll ir-riċetti tat-tabib, irċevuti, kaxxi tal- mediċina u dokumenti oħrajn. Importanti li tapplika fl-uffiċju addattat fil-pajjiż fejn irċevejt it-trattament meta tkun għadek hemm. Inkella tista’ tapplika b’permezz tal-Entitlement Unit meta tirritorna w aħna nagħmlu kuntatt mal-awtoritajiet barranin f’ismek.
Xorta jkolli bżonn polza tal-assigurazzjoni privata?
L-EHIC tissuplimenta l-assigurazzjoni privata iżda ma tissosstitwixxihiex. L-EHIC ma tkoprix l-ispejjeż biex tirritornak lura Malta f’każ ta’ mard serju, inċident jew mewt. F’ċertu pajjiżi anke meta jkollok EHIC hemm possibilita’ li jkollok tħallas xi kontijiet. Huwa rrakkomandat li wieħed jagħmel polza tal-assigurazzjoni privata.
Dettalji ta’ kuntatt:
Entitlement Unit
Is-sular t’isfel,
Ex-Outpatient Block,
Sptar San Luqa,
It-Telgħa ta’ Gwardamangia,
G’Mangia PTA 1010
Malta
Tel: +356 2595 2400
e-mail: [email protected]
website: http://www.ehic.gov.mt
Ħinijiet tal-ftuħ:
Sajf u Xitwa
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa
8.00 – 13.00
Passi ta 'Malajr biex tikseb l-EHIC tiegħek
1
Niżżel l-app
2
Agħżel biex tapplika għall-EHIC
3
Imla l-informazzjoni mitluba
4
Tirċievi l-EHIC fil-posta